L-Ingilterra riesqa lejn falliment ieħor?
L-Ingilterra hu l-uniku pajjiż li rebaħ it-Tazza tad-Dinja imma qatt ma rebaħ il-Kampjonat Ewropew u ftit huma l-indikazzjonijiet li juru li din is-serje diżappuntanti se tieqaf hawn.
Jekk Hodgson ta’ 64 sena, li ngħata l-kariga fl-1 ta’ Mejju wara t-tluq ta’ Fabio Capello fi Frar, jistax iġib dan is-suċċess, tibqa’ l-akbar mistoqsija għall-Ingliżi. Fi tmien dehriet fil-finali sa mill-1968, l-Ingilterra waslet darbtejn biss sas-semi-finali, fl-1968 meta kienu ħadu sehem biss erba’ timijiet fl-Italja u fl-1996 meta organizzat it-turnament.
L-uniku punt negattiv fil-kampanja wasal 17-il minuta mit-tmiem tal-aħħar logħba kontra Montenegro fis-7 ta’ Ottubru meta b’posthom diġa` konfermat, l-attakkant Wayne Rooney tkeċċa għal daqqa ta’ sieq banali fuq Miodrag Dzudovic. M’hemmx dubju li l-plejers Ingliżi, li huma mdorrijin jilagħbu futbol tal-ogħla livell ġimgħa wara l-oħra, għandhom it-talent li jmorru tajjeb.
Hodgson li għamel l-aħħar 15-il xahar ma’ QPR, almenu għandu l-esperjenza internazzjonali wara li kien kowċ fl-Iżvizzera, l-Finlandja u l-Emirati. Hu mexxa wkoll lill-Iżvizzera f’dan il-livell fit-Tazza tad-Dinja tal-1994 fl-Istati Uniti, l-ewwel dehra tagħhom wara 28 sena. Imma jekk il-potenzjal tal-plejers u l-għarfien ta’ Hodgson hux se jikkombinaw tajjeb flimkien biex jiksbu suċċess, għadu mhux magħruf.
Fil-midfield irid jara l-għażla ta’ Gerrard bħala l-captain tiegħu hux se sservi ta’ ġid u toħloqx diżgwid ma’ Terry . Il-midfield ukoll jidher wisq prevedibbli u l-għażliet tiegħu huma wkoll limitati fl-attakk minħabba s-sospensjoni ta’ Rooney għall-ewwel partiti. Andy Caroll sab biss il-forma lejn tmiem l-istaġun ma’ Liverpool u Jermain Defoe ta’ Tottenham - li skorja 15-il gowl għall-Ingilterra - għamel parti twila tal-istaġun bħala sostitut. Danny Welbeck, nieqes mill-esperjenza.
Goalkeepers: Joe Hart (Manchester City FC), Robert Green (West Ham United FC), Jack Butland (Birmingham City FC).
Difensuri: Leighton Baines (Everton FC), Gary Cahill (Chelsea FC), Ashley Cole (Chelsea FC), Glen Johnson (Liverpool FC), Phil Jones (Manchester United FC), Joleon Lescott (Manchester City FC), John Terry (Chelsea FC).
Midfielders: Phil Jagielka (Everton FC), Stewart Downing (Liverpool FC), Steven Gerrard (Liverpool FC), Frank Lampard (Chelsea FC), James Milner (Manchester City FC), Alex Oxlade-Chamberlain (Arsenal FC), Scott Parker (Tottenham Hotspur FC), Theo Walcott (Arsenal FC), Ashley Young (Manchester United FC).
Attakkanti: Andy Carroll (Liverpool FC), Jermain Defoe (Tottenham Hotspur FC), Wayne Rooney (Manchester United FC)*, Daniel Welbeck (Manchester United FC).
*sospiż għall-ewwel żewġ logħbiet