L-Olanda mħassba fuq id-difiża
L-Olanda se tibda l-isfida tagħha għall-Euro 2012 bi kważi l-istess tim li tilef il-final tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 kontra Spanja.
Il-captain Giovani van Bronckhorst irtira wara dik il-finali u postu ħadu d-difensur xellugi Erik Pieters. Forsi hi kumbinazzjoni imma l-organizzazzjoni difensiva tal-Olanda saret it-tħassib ewlieni tal-kowċ Bert van Marwijk.
Minkejja kwalifikazzjoni mingħajr problemi, l-Olandiżi dehru debboli fid-difiża mhux biss fit-telfa 3-0 f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Ġermanja imma anke fir-rebħa 3-2 fuq l-Ingilterra fi Frar fejn irmew vantaġġ ta’ 2-0 kontra tim Ingliż mimli injuries.
Waqt li x-xogħol ta’ Van Marwijk sentejn ilu kien li jżomm lit-tim iffukat tul it-turnament kollu, issa l-mira ewlenija se tkun li javvanzaw mill-grupp. Għalhekk Van Marwijk se jkollu jipprepara lit-tim biex jilgħab biss ‘finali’ għaliex grupp diffiċli bħal dan ma jippermettilux li jirkupra minn żelqa.
Biex jibbilanċjaw il-problemi fid-difiża, jistgħu jibbażaw fuq uħud mill-aqwa attakkanti fl-Ewropa dan l-istaġun. Robin van Persie ta’ Arsenal, l-aqwa skorer fil-Premier League u Klaas Jan Huntelaar li żviluppa f’makna tal-gowls għal Schalke 04 u t-tim nazzjonali.
Minbarra l-lussu ta’ żewġ attakkanti bħal dawn, Van Marwijk għandu wkoll arma letali oħra, Arjen Robben.
Il-winger fraġli lagħab biss żewġ partiti ta’ ħbiberija mal-Olanda sa mill-2010 imma wera teknika eċċezzjonali u veloċita` tremenda f’Wembley fi Frar waqt li kompal jiskorja għal Bayern Munich. It-talent tiegħu f’tattika ta’ tliet attakkanti quddiem difiża li għandha bżonn tkun aktar konsistenti u b’saħħitha tista’ tkun iċ-ċavetta għas-suċċess Olandiż.
Goalkeepers: Tim Krul (Newcastle United FC), Maarten Stekelenburg (AS Roma), Michel Vorm (Swansea City AFC).
Difensuri: Khalid Boulahrouz (VfB Stuttgart), Wilfred Bouma (PSV Eindhoven), John Heitinga (Everton FC), Joris Mathijsen (Málaga CF), Ron Vlaar (Feyenoord), Gregory van der Wiel (AFC Ajax), Jetro Willems (PSV Eindhoven).
Midfielders: Mark van Bommel (AC Milan), Nigel de Jong (Manchester City FC), Stijn Schaars (Sporting Clube de Portugal), Wesley Sneijder (FC Internazionale Milano), Kevin Strootman (PSV Eindhoven), Rafael van der Vaart (Tottenham Hotspur FC).
Attakkanti: Ibrahim Afellay (FC Barcelona), Klaas-Jan Huntelaar (FC Schalke 04), Luuk de Jong (FC Twente), Dirk Kuyt (Liverpool FC), Luciano Narsingh (sc Heerenveen), Robin van Persie (Arsenal FC), Arjen Robben (FC Bayern München).