L-Ukrajna mhux mistenni jissorprendu
L-appoġġ qawwi li mistenni jkollhom waqt il-partiti li se jilagħbu f’darhom, se jkun l-uniku fattur li jagħti vantaġġ lill-Ukrajna fuq it-timijiet l-oħra.
Il-kowċ Oleg Blokin li ħa t-tmexxija tat-tim f’April tas-sena l-oħra, wara żewġ ħatriet li ma tantx kienu ta’ suċċess, qal li m’għandu l-ebda illużjoni dwar il-prospetti tat-tim. Blokhin, attakkant leġġendarju f’dik li qabel kienet l-eks Unjoni Sovjetika, mexxa lill-Ukrajna sal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 u hu l-aktar kowċ ta’ suċċess fl-istorja tal-Ukrajna.
Imma għalkemm hu motivatur eċċellenti, Blokhin li għandu 59 sena, se jkollu jaħdem iebes biex jgħaqqad it-talent żagħżugħ ma’ dak ta’ esperjenza li hemm fit-tim ħalli jkun kapaċi joffri sfida denja lil Franza, l-Ingilterra u l-Iżvezja.
L-Ukrajna tilfu kontra l-Brażil, l-Italja, Franza, l-Urugwaj u r-Repubblika Ċeka imma qed jittamaw li d-draw 3-3 li kellhom kontra l-Ġermanja f’partita oħra ta’ ħbiberija kien ir-riżultat li dawwar il-paġna. Blokhin ingħata t-tmexxija wara l-fjask tal-kowċ ta’ 61 sena Myron Markevic li kien ingħata l-inkarigu jibni tim li jkollu l-fiduċja tal-partitarji mill-Ukrajna.
L-ewwel Kampjonati Ewropej għall-Ukrajna se jkunu wkoll l-aħħar ċans għall-veteran ta’ 35 sena Andriy Shevchenko. Il-captain u l-aqwa skorer ta’ kull żmien, Shevchenko kellu problemi b’darhu sa minn meta telaq lil Chelsea u qed jittama li jħalli impatt fil-Euro 2012.
Dawn il-kampjontai se jkunu wkoll l-aħħar għall-attakkant ta’ 32 sena Andriy Voronin li kellu staġun mill-aqwa ma’ Dynamo Moscow imma ħafna drabi jsibha dififċli jipproduċi l-istess forma bil-flokk nazzjonali. Anatoliy Tymoschuk ta’ Bayern Munich, l-aktar plejer li lagħab man-nazzjonal, se jmexxi lil sħabu fil-midfield flimkien ma’ Serhiy Nazarenko u Oleh Husev.
Goalkeepers: Oleksandr Goryainov (FC Metalist Kharkiv), Maxym Koval (FC Dynamo Kyiv), Andriy Pyatov (FC Shakhtar Donetsk).
Difensuri: Bohdan Butko (FC Illychivets Mariupil), Olexandr Kucher (FC Shakhtar Donetsk), Taras Mikhalik (FC Dynamo Kyiv), Yaroslav Rakitskiy (FC Shakhtar Donetsk), Yevhen Selin (FC Vorskla Poltava), Yevhen Khacheridi (FC Dynamo Kyiv), Vyacheslav Shevchuk (FC Shakhtar Donetsk).
Midfielders: Olexandr Aliyev (FC Dynamo Kyiv), Denys Garmash (FC Dynamo Kyiv), Oleh Gusev (FC Dynamo Kyiv), Yevhen Konoplyanka (FC Dnipro Dnipropetrovsk), Serhiy Nazarenko (SC Tavriya Simferopol), Ruslan Rotan (FC Dnipro Dnipropetrovsk), Anatoliy Tymoshchuk (FC Bayern München), Andriy Yarmolenko (FC Dynamo Kyiv).
Attakkanti: Andriy Voronin (FC Dinamo Moskva), Marko Dević (FC Metalist Kharkiv), Artem Milevskiy (FC Dynamo Kyiv), Yevhen Seleznyov (FC Shakhtar Donetsk), Andriy Shevchenko (FC Dynamo Kyiv).