Spanja li matul l-2008 issorprendew u b’logħob sabiħ rebħu t-titlu Ewropew biex sentejn wara rebħu wkoll dak mondjali, iħossuhom komdi li issa qed jitqies bħala l-akbar favoriti. Madankollu se jkollhom bżonn jerġgħu jiktbu l-kotba tal-istorja tal-futbol jekk iridu jżommu t-titlu Ewropew fil-Polonja u l-Ukrajna. L-ebda pajjiż qatt ma rnexxielu jżomm it-Trofew Henry Delauney u l-ebda pajjiż, jew kontinent ma rebaħ tliet turnaments maġġuri konsekuttivi.
Taħt il-kowċ Vicente del Bosque, it-tim qed ikompli jirċievi tifħir għall-pussess, difiża soda u logħob offensiv li se jerġgħu jpoġġuh favorit nett li jsir l-ewwel pajjiż li jirbaħ titli kontinentali wara xulxin. Del Bosque ħa post Luis Aragones wara l-Euro 2008 u żamm il-bażi tat-tim intatta waqt li għamel xi aġġustamenti żgħar f’tim organizzat tajjeb u kunfidenti ħafna li rebaħ it-tmien partiti ta’ kwalifikazzjoni fil-Euro 2012. Huma kienu rebħu wkoll l-għaxar partiti ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2010.
Uġiegħ ta’ ras għall-kowċ hu n-nuqqas ta’ forma li kien għaddej minnha Fernando Torres sa minn meta sieħeb lil Chelsea mingħand Liverpool sena ilu. Del Bosque irid jiddeċiedi jekk hux lest li jħalli barra mit-tim l-eroj nazzjonali li skorja l-goal tar-rebħa fil-final tal-Euro 2008 kontra l-Ġermanja.
Madankollu fl-aħħar ġimgħat, bil-bidla tal-kowċ ta’ Chelsea, Torres donnu reġa’ beda jsib ix-xibka u kien b’azzjoni personali tiegħu f’Camp Nou kontra Barcelona li ssiġilla post Chelsea fil-final taċ-Champions League. Il-captain ta’ Valencia Roberto Soldado, l-attakkant twil ta’ Athletic Bilbao Fernando Llorente u l-attakkant b’saħħtu ta’ Sevilla Alvaro Negredo, huma ftit mill-għażliet li għandu quddiemu Del Bosque fl-attakk fejn dan l-aħħar kien anke esperimenta b’tim li ma jinkludix attakkant ċentrali fiss.
B’midfielders eċċezzjonali bħal Andres Iniesta, Cesc Fabregas, David Silva u Xavi fit-tim, li kollha għandhom ix-xamma tal-goal, Del Bosque jista’ jmur għas-sistema 4-2-4 b’Xabi Alonso u Sergio Busquets fir-rwol ta’ midfielders irtirati.
Goalkeepers: Iker Casillas (Real Madrid CF), Víctor Valdés (FC Barcelona), Pepe Reina (Liverpool FC).
Difensuri: Sergio Ramos (Real Madrid CF), Gerard Piqué (FC Barcelona), Jordi Alba (Valencia CF), Álvaro Arbeloa (Real Madrid CF), Raúl Albiol (Real Madrid CF), Juanfran (Club Atlético de Madrid), Javi Martínez (Athletic Club).
Midfielders: Xavi Hernández (FC Barcelona), Sergio Busquets (FC Barcelona), Xabi Alonso (Real Madrid CF), David Silva (Manchester City FC), Santi Cazorla (Málaga CF), Jesús Navas (Sevilla FC), Cesc Fàbregas (FC Barcelona), Andrés Iniesta (FC Barcelona).
Attakkanti: Fernando Llorente (Athletic Club), Juan Mata (Chelsea FC), Fernando Torres (Chelsea FC), Pedro Rodríguez (FC Barcelona), Álvaro Negredo (Sevilla FC).