It-tama tal-Pollakki fuq it-trio ta' Dortmund
Il-Polonja, wieħed mill-pajjiżi organizzaturi tal-Euro 2012 qed jibbażaw ħafna fuq it-tliet plejers li jilagħbu ma’ Borussia Dortmund biex jippruvaw jitqiesu bħala ‘l-aħħar imma mhux l-inqas’ waqt dan il-kampjonat.
Il-Polonja li jinsabu fil-65 post għandhom l-agħar ranking fost il-finalisti imma l-kowċ Franciszek Smuda jemmen li kapaċi jikkwalifika minn Grupp A fejn se jilagħbu kontra r-Russja l-Greċja u r-Repubblika Ċeka.
Taħt it-tmexxija ta’ Smuda t-tim għandu rekord moderat ta’ 12-il rebħa, 11-il draw u tmien telfiet. Imma għandu talenti kbar bħall-attakkant Robert Lewandowski li ta’ 23 sena għen lil Borussia Dortmund jirbħu l-Bundesliga.
Id-difensur Lukasz Piszczek u l-midfielder Jakub Blaszczykowski flimkien ma’ Lewandowski, jiffurmaw is-sinsla għaċ-Champions Ġermaniżi, l-istess sinsla li l-kowċ Pollakk qed jittama li tmexxi lit-tim nazzjonali fit-tieni dehra tagħhom fil-finali tal-Euro.
Il-Pollaki kellhom wirja deludenti fl-ewwel dehra tagħhom fl-2008 u qed jittamaw li din id-darba jmorru ferm aħjar, kważi 30 sena wara li kienu spiċċaw it-tielet, għat-tieni darba fit-Tazza tad-dinja tal-1982. Spiċċaw ukoll it-tielet fl-1974. Il-pajjiż nefaq madwar $1.3 biljun fil-bini ta’ stadiums u mpjanti oħra għal dan il-Euro imma s’issa falla milli jibni tim li jissodisfa l-ħolm tal-partitarji.
Apparti l-plejers ta’ Dortmund, il-goalkeeper ta’ Arsenal ta’ 22 sena Wojciech Szczesny jidher li hu l-uniku plejer ieħor ċert li se jibda għall-ewwel logħba kontra l-Greċja. L-iskwadra tinkludi lid-difensur Damien Perquis ta’ Sochaux, Sebastian Boenisch ta’ Werder Bremen, il-midfielders Ludovic Obraniak ta’ Bordeaux, Adam Matuszczyk ta’ Fortuna Dusseldorf u Eugen Polanski ta’ Mainz. Dawn kollha twieldu jew trabbew barra.
Goalkeepers: Wojciech Szczęsny (Arsenal FC), Przemysław Tytoń (PSV Eindhoven), Grzegorz Sandomierski (KRC Genk).
Difensuri: Sebastian Boenisch (SV Werder Bremen), Marcin Kamiński (KKS Lech Poznań), Damien Perquis (FC Sochaux-Montbéliard), Łukasz Piszczek (Borussia Dortmund), Marcin Wasilewski (RSC Anderlecht), Jakub Wawrzyniak (Legia Warszawa), Grzegorz Wojtkowiak (KKS Lech Poznań).
Midfielders: Jakub Błaszczykowski (Borussia Dortmund), Dariusz Dudka (AJ Auxerre), Kamil Grosicki (Sivasspor), Adam Matuszczyk (Fortuna Düsseldorf 1895), Adrian Mierzejewski (Trabzonspor AŞ), Rafal Murawski (KKS Lech Poznań), Eugen Polanski (1. FSV Mainz), Ludovic Obraniak (FC Girondins de Bordeaux), Maciej Rybus (FC Terek Grozny), Rafał Wolski (Legia Warszawa).
Attakkanti: Paweł Brożek (Celtic FC), Robert Lewandowski (Borussia Dortmund), Artur Sobiech (Hannover 96).